• Laqgħa Ġenerali Annwali 2017

  • Il-laqgħa Ġenerali Annwali tal-Moviment ta' Kana saret il-Ġimgħa 28 ta' April 2017, fl-Istitut Kattoliku.

    Agħfas hawn għall-Messaġġ tad-Direttur, Mons. Charles Attard.

    Agħfas hawn għall-Messaġġ tal-President, Dr Arthur Galea Salomone.

    Agħfas hawn għad-diskors ta' Fr Martin Cilia MSSP.

    Agħfas hawn għal aktar ritratti

  • MESSAĠĠ MID-DIRETTUR

    Bħal daż-żmien sena  il-Papa Franġisku tana l-Eżortazzjoni Apostolika post sinodali Amoris Laetitia – il-Ferħ tal-Imħabba.  Ikolli ngħid li din l-eżortazzjoni  qajmet ħafna diskussjoni  u x’uħud rawha mhux biss bħala kontroversjali imma wkoll li ġabet  il-periklu ta’ xiżma fil-Knisja Kattolika. Sfortunatament ħafna iggranfaw  biss ma’ kapitlu partikulari  - Kapitlu 8 – li jittratta is-sitwazzjonijiet kumplessi  ta’ xi żwiġijiet. Ħafna qagħdu fuq dak li qalet il-media  li kulħadd jaf li għandha l-aġenda tagħha mingħajr ma’ qraw dak li qal il-Papa.

    Kien għalhekk li diversi Kappillani talbu l-għajnuna  tal-Moviment ta’ Kana ħalli jiġu organiżżati  laqgħat u seminars fuq Amoris Laetitia. Barra minn dan ħassejna l-bżonn li nużaw is-servizzi ta’ Radju RTK u iktar tard ta’ Radju Marija biex nibdew sensiela ta’ programmi  immirati biex nispjegaw  din l-Eżortazzjoni mill-aspetti kollha tagħha, speċjalment kapitlu 4 li joffri riflessjoni mill-isbaħ fuq l-innu ta’ San Pawl fuq l-imħabba u li nsibuh fl-ewwel ittra tiegħu lill-Korintin, u kapitlu 6 li jitratta dak kollu li għandu x’jaqsam mal-pastorali tal-familja. Għal dawn il-programmi  kelli miegħi diversi mistednin fosthom counsellors mill-Moviment  kif ukoll bħalissa qed ikolli miegħi b’mod regolari  lill-koppja Miriam u Sunny Mifsud. Nieħu din l-okkazjoni biex minn qalbi nirringrazzja  lil dawn kollha għad-disponibilta’ tagħhom.

    Meta bdejt il-ħidma tiegħi bħala Direttur, ħassejt il-bżonn urġenti li nsaħħah il-kollaborazzjoni  li għandu jkun hemm mal-parroċċi. Għalhekk matul din is-sena komplejna iż-żjarat mal-kappillani  u speċjalment  mal-Kummissjoni Parrokkjali Familja. Qed naħdmu biex insaħħu din il-kollaborazzjoni bit-twaqqif tal-grupp tad-delegati  parrokkjali li l-għan tiegħu huwa biex fil-laqgħat li jsiru kultant żmien naqsmu bejnietna l-esperjenzi ta’ dak li jkun għaddej fil-pastorali tal-familja fil-paarroċċi tagħna. S’issa huma biss 18-il Kappillan li bgħatulna l-isem tad-delegati tagħhom.

    Mons. Arċisqof għadu kif ta bidu għall-Viżta Pastorali fil-parroċċi tagħna u l-Moviment ta’ Kana  qed ikun impenjat ħafna għaliex  qabel kull viżta jeħtieġ li niltaqa’ mal-Kummissjoni Familja ta’ kull parroċċa. Matul dawn il-laqgħat  neżaminaw il-qagħda preżenti u naraw  x’possibiltajiet hemm biex biex titjieb il-pastorali mal-familji.

  • Il-Formazzjoni

    Fl-Eżortazzjoni  Amoris Laetitia il-Papa jgħidilna hekk: “Il-kontribut prinċipali lill-pastorali tal-familja toffrih il-parroċċa, li hi familja ta’ familji, fejn isseħħ l-armonija tas-sehem tal-komunitajiet iż-żgħar, il-movimenti u l-għaqdiet ekkleżjali. Flimkien ma’ pastorali speċifikament orjentata għall-familji, naraw il-ħtieġa ta’ “formazzjoni iżjed adegwata għall-operaturi pastorali l-oħra”. Imbagħad il-Papa jkompli, “It-tweġibiet għall-konsultazzjonijiet li saru jesprimu wkoll b’insistenza l-ħtieġa tal-formazzjoni ta’ operaturi lajċi fil-pastorali tal-familja bl-għajnuna ta’ psikopedagoġisti, tobba tal-familja, tobba tal-komunità, professjonisti fis-servizzi soċjali, avukati tal-minuri u l-familji, b’moħħ miftuħ għall-kontribut li għandhom x’jagħtu l-psikoloġija, is-soċjoloġija, is-sesswoloġija u anki l-counselling. Il-professjonisti, speċjalment dawk li għandhom esperjenza fit-tisħib ta’ oħrajn, jgħinuna nlaħħmu l-proposti pastorali fis-sitwazzjonijiet reali u fit-tħassib konkret tal-familji. “Programmi u korsijiet ta’ formazzjoni maħsuba speċifikament għall-operaturi pastorali jistgħu jagħmluhom idonji biex idaħħlu l-istess mixja ta’ tħejjija għaż-żwieġ fid-dinamika usa’ tal-ħajja ekkleżjali”.

    B’dan il-ħsieb f’moħħna il-Moviment ta’ Kana organiżża diversi okkażjonijiet ta’ formazzjoni għall-membri . Insemmu x’uħud: fil-ftuħ tas-sena pastorali 2016  ħadna l-opportunita’  li jkollna fostna li Don Ermanno d’Onofrio  li għamel preżentazzjoni  fuq il-ktieb fuq il-Counselling Familjari ta’ Mons. Dun Charles Vella. F’din l-okkażjoni wkoll  Don Ermanno  tkellem  fuq il-Fondazzjoni Internazzjonali li waqqaf fil-Bosnia ‘Il Giardino delle Rose Blu’. 

    Fil-bidu ta’ Marzu li għadda  saret laqgħa ta’ formazzjoni oħra bl-iskop  li jiġu spjegati  il-Kriterji tal-Isqfijiet għall-Interpretazzjoni  ta’ Kap 8 ta’ Amoris Laetitia. Dawn il-laqgħat se jibqgħu sejrin ukoll matul din is-sena, għaliex qed nindunaw kemm hemm għatx għalihom.  Laqgħat bħal dawn barra li jservu ta’  formazzjoni, huma wkoll okkażjoni biex niltaqgħu  flimkien bħala membri tal-Moviment ta’  Kana.

    Barra dawn il-laqgħat, flimkien mal-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali  ġew organiżżati tliet ‘half day seminars’ għall-koppji mexxejja. Is-suġġetti ta’ dawn il-laqgħat kienu : Group Dynamics, Moral Issues. Issa jmiss l-aħħar seminars li se jitrattaw l-Ispiritwalita’ tal-Familja. L-attendenza għal dawn is-seminars  kont nistenna li tkun aħjar. Probabilment li għandna bżonn insaħħu iktar il-makkinarju tal-komunikazzjoni bejnietna.

    Kuntatti

    Matul din is-sena kienet sena intensiva ħafna minħabba li l-Gvern waqqaf li jagħtina is-sovvenzjoni ta’ kull sena ta’ €70,000 li kienet kruċjali  għalina biex inkomplu inwettqu l-pastorali tal-familja.  Għalhekk kellna diskussjonijiet intensivi mal-Kurja għaliex ladarba Kana ħadet post il-Kummissjoni Djoċesana Familja qed nistennew li ningħataw ammont akedwat biex inwettqu din il-missjoni mingħajr skossi. Għalissa ġejna mwegħdin is-somma ta’ €30,000.

    Minabarra dan il-Moviment ta’ Kana issa ġie reġistrat bħala Fondazzjoni u għalhekk stajna nibbenefikaw minn fondi li l-Ministeru għad-Djalogu Soċjali għandu għad-disposizzjoni ta’ NGO’s.  Għandi s-sodisfazzjoni ngħid li ħadna is-somma ta’ €25,000. Dawn il-fondi se nużaw parti minnhom biex intejbu is-sistema tat-telefonija u servizzi oħra ta’ komunikazzjoni fl-uffiċċju tal-Moviment. Se nużaw parti oħra għall-formazzjoni tal-membri tal-Moviment u taħriġ tal-counsellors.

    Bħalissa għaddejjin f’diskussjonijiet  mal-Ministeru tal-Familja u Sigurta’ Soċjali biex nerġgħu nibbenefikaw mis-somma li konna nieħdu sal-2015. Irridu ngħidu li filwaqt li s-somma li Kana kienet tieħu dawk iż-żminijiet kienet għall-operat sħiħ tal-ħidma tal-Moviment, illum l-affarijiet inbidlu għaliex il-Gvern jixtri biss is-servizzi li għandu bżonn. Għalhekk ressaqna proposta lill-Ministeru fejn fiha urejna is-servizzi kollha li joffri Kana fil counselling,l-aktar fis-support, fit-taħriġ, fil-formazzjoni li joffri u servizzi oħra. Hawn nixtieq li f’isimkom nirringrazzja ħafna lil Mons. Arċisqof Charles Scicluna għaliex kien strumentali ħafna biex jinfetħu dawn id-diskussjonijiet.

    Imma illum irrid inħabbar b’sodisfazzjoni kbir li dan l-aħħar il-Kapitlu Metroplitan ta lil Kana is-somma sabiħa ta’ €15,000. Din is-somma se tintuża biex nixtru makkinarju effiċjenti għall-Uffiċċju ta’ Kana, ngħinu fit-taħriġ tal-counsellors kif ukoll biex Kana tipparteċipa f’laqgħat Internazzjonali fuq il-Familja li jsiru kull tant żmien. Minn qalbi u f’isimkom ukoll nirringrazzja lill-Kapitlu Metropolitan għal din id-donazzjoni tassew ġeneruża li għandna tant bżonnha bħalissa.

    Irrid nirringrazzja wkol lill-Komunita tal-Ġiżwiti f’Malta li taw lil Kana is-somma ta’ €500.

    Il-Moviment ta’ Kana huwa aħna lkoll

    Minħabba li issa l-Moviment ta’ Kana  huwa responsabli  mill-pastorali  tal-Familja fid-Djoċesi tagħna  u minħabba li b’xi mod intom ilkoll tagħmlu  parti minn Kummissjoni Familja fil-parroċċi jew f’xi grupp tal-GRUFAN, għalhekk inħoss li  Kana hi aħna lkoll. Fuq is-sejħa tal-Papa aħna lkoll għandna nħossuna responsabli mill-pastorali  tal-familja imma l-ewwelnett  ma’ dawk li qed iħejju ruħhom għaż-żwieġ. Il-Papa qalilna  dan : “Nistieden lill-komunitajiet  Insara jagħrfu  li meta jsieħbu  lill-għarajjes  fil-mixja ta’ mħabba tagħhom  dan jiswa ta’ fejda għalihom stess...”

    It-tieni  nagħmel sejħa lilkom  ilkoll  biex tkunu kreattivi  fil-ħidma mal-koppji  li għadhom kemm iżżewġu. Nieħu gost nisma’  li koppji mexxejja  ħolqu facebook page mal-koppji għarajjes biex jibqa’ jinżamm kuntatt. Dan nista’ nsejjaħlu  li l-ewwel seminarju, l-ewwel mixtla biex ikollna koppji mexxejja prospettivi għaliex din il-ħbiberija hi l-ewwel investiment. Ibqgħu żommu kuntatt ma’ dawn il-koppji għaliex ma rridkomx tinsew li dawn iħarsu lejkom bħala mudelli tagħhom.

    It-tielet, nistieden lil kulħadd biex  nieħdu l-istedina li l-Papa  qed jagħmlilna biex fil-kas ta’koppji li qed  jgħixu f’sitwazżjoni kumplessa fiż-żwieġ tagħhom, “nintegraw lil kulħadd u lil kulħadd irridu ngħinu jsib il-mod tiegħu kif jieħu sehem fil-komunita’ ekklesjali biex iħossu hu ukoll oġġett ta’ ħniena li hu jirċievi, “bla merti, bla kundizzjonijiet u bla ħlas”.

    Konklużjoni

    Nagħlaq billi nħeġġeġ  lil kulħadd  ipoġġi lilu nnifsu  għad-disposizzjoni tal-pastorali tal-familja fil-parroċċi tagħkom. Toqgħodx tistenna lill-Kappillann  javviċinak biex jitolbok l-għajnuna. Jekk inħarsu lejn il-Verġni Marija fit-tieġ ta’  Kana, Patruna tal-Moviment ta’ Kana, kienet hi li ħadet l-inizjattiva biex dik il-koppja ħarġet minn kriżi kbira.   Għalhekk bħalha, aħna wkoll  għandna nieħdu l-inizjattiva  għall-pastorali b’risq  il-familji tal-oħrajn. B’hekk biss il-Moviment ta’ Kana  ikun tassew il-Moviment ta’ kulħadd. Nitolbu lill-Madonna ta’ Kana tbierek lilna u il-ħidma kollha tagħna.

    MESSAĠĠ MILL-PRESIDENT

    Ħbieb,

    Nilqagħkhom għall-laqgħa Annwali General u nirringrazzjakhom talli ġejtu. Dina kienet sena oħra ta’ ħidma kif ukoll ta’ sfidi.

    Fl-Evangelju tal-Ħadd li għadda San Ġwann ifakkarna fl-istedina li Kristu għamel lill-Appostli, “Kif il-Missier bagħat lili hekk jien qed nibgħat lilkħom”. Din ħi stedina li Kristu jagħmel mħux biss lill-Appostli imma lil lkull dixxiplu. Hija stedina li qed jagħmel lilna wkoll bħala volontarji fil-qasam tal-familja, bħala mibgħuta biex inxandru l-aħbar it-tajba tal-familja f’dinja fejn il-familja qed tiffaċċja numru ta’ sfidi kbar.

    Fil-ftit minuti li għandi ser nelenka ftit minn dawn l-isfidi.

    L-ISFIDA TAL-INDIVIDWALIZMU

    L-isfida tal-individwalizmu fejn kulħadd huwa mdorri jaħseb għal rasu.  Alla fl-għerf tiegħu anticipa dan l-izvilupp u r-riċetta tiegħu kienet li joħloq il-Familja. Imma kemm verament qed nagħtu xħieda li l-familja ħija ricetta kontra l-individwalizmu, fejn iż-żwieġ ħija esperjenza ta’ għotja totali u dejjiema u mhux arrangament, imnezza mill-impenn totali, fejn ngħixu taħt saqaf wieħed filwaqt li dak hu tiegħek jibqa tiegħek u dak li hu tiegħi jibqa tiegħi?

    L-ISFIDA TAR-RELATIVIZMU

    L-isfida tar-relativiżmu jiġifieri li m’hawnx verita oġġettiva, imma il-verita ta’ Peppi hi valida daqs it-teżi ta’ Ċikku. Qed ngħixu fi żmien fejn kull opinjoni hija progettata bħala verita’ anke jekk tittratta dwar aspetti fundamentali bħal m’huma l-identita tal-familja jew il-bidu u t-tmiem tal-ħajja.

  • L-ISFIDA TAL-ISTANTANJU U TAL-ORDNI TA’ KIF ISIRU L-AFFARJIET

    Il-familji qed jgħixu fi żmien fejn irridu kollox issa, bla stennija, qlibna il-kronologija tal-ordni ta’ kif isiru l-affarijiet. Fl-imgħoddi meta naħsbu biex nifformaw familja konna naħsbu f’dawn it-termini; l-ewwel ninnamraw, nibdew niskopru l-persuna l-oħra u nħobbuħa. Imbagħad wara perjodu ta’ tħejjia nieħdu l-pass taz-zwieg u bl-għajnuna t’Alla ingibu t-tfal fid-dinja. Illum qed jizdiedu s-sitwazzjonijiet fejn l-affarjiet isiru bil-maqlub. L-ewwel nesperimentaw bis-sess, imbagħad inġibu t-tfal fid-dinja, imbagħad naraw nibdewx insiru nafu s-sieħeb jew is-sieħba, imbagħad forsi nibdew ninħabbu biex fl-aħħar nikkommettu li nikkoabitaw jew li nidħlu f’Unjoni ċivili jew forsi  niżżewġu.

    L-ISFIDA TAR-RITMU SFRENAT TAL-ĦAJJA u TAL-ISTORBJU fejn sar aktar diffiċli li nisimgħu il-leħen tal-Mulej u l-isfida tal-provvisorjeta’ fejn kollox huwa ‘disposable’ inluz ir-relazzjonijiet. 

    L-ISFIDA TAL-KUNTRADIZZJONIJIET

    Qed ngħixu l-isfida tal-kuntradizzjonijiet fejn għandħa ħafna iżjed ġid materjali imma f’sens aħna ferm anqas sodisfatti, fejn nistgħu nikkomunikaw ma min hu l-bogħod imma naqset il-kommunikazzjoni ma’ min hu fil-qrib, fejn għandna aktar ħbieb imma żdiedet is-solitudni, fejn għandna ħafna iżjed passatempi imma anqas ħin biex ingawduhom, fejn qed jiżżewgu anqas koppji u jitfarrku aktar żwiġijiet, fejn għandna djar akbar imma familji iżgħar, fejn żdiedu d-drittijiet imma naqsu r-responsabbiltajiet, fejn biex inżidu il-probabillta’ li titwieled ħajja nipproponu li niffriżaw żewġ jew tlett ħajjiet oħra, fejn għandna aktar forom differenti ta’ familji imma fil-verita għandna anqas familja, fejn aħna ħafna iżjed biex nimlew il-ħajja imma għandna aktar vojt.

    IR-RICETTA TA’ KIF NINDIRIZZAW L-ISFIDI

    L-isfidi qed taffaċċja il-familja qed nelenkhom mħux biex naqtgħu qalbna u nitfixxklu imma biex nirrikonoxxuhom u biex nagħrfu r-ricetta ta’ kif nilqgħu u nindirizzaw dawn l-isfidi. Fit-tieġ ta’ Cana wkoll kien ħemm il-vojt u l-miżżewġin setgħu jitfixxklu imma r-riċetta tagħtilħom il-Madonna meta qaltilħom “Għamlu dak kollu li jgħidlkom hu”.

    Il-Madonna ma qaltilhomx “Ara x’jolqotkhom milli jgħidilkhom Ħu imbagħad għamlu intom”.  L-anqas ma qaltilhom “Isimgħu x’għandu xi jgħid imbagħad imqar tagħmlu bicca milli jgħidilkħom Ħu”. Le qaltilhom “Għamlu dak kollu li jgħidilkħom hu”.       

    Mela il-punt tar-riferenza tal-volontarjat tagħna irid ikun Kristu u l-kelma tiegħu fis-sħuħija ta’ dik il-Kelma. Minn ħemm iridu nibdew u ħemm irridu naslu.  Minn ħemm irridu nibdew il-għaliex l-ispirazzjoni u d-direzzjoni trid tigi minn ħemm, ħemm irridu naslu il-għaliex f’dak kollu li nagħmlu, sew jekk hu tħejjija għaż-żwieġ sew jekk hu għajnuna lil min qed jiffaċċja diffikultajiet fir-relazzjonijiet tiegħu, irridu nwasslu esperjenza tal-Mulej.  It-test tal-missjoni tagħna dan ħu: jekk hux qed inwasslu, fl-imħabba u bil-ħniena, lill-aktar koppji u familji biex jagħmlu esperjenza ta’ Kristu.

    Dan mħux facli għalina imma huwa possibli bl-għajnuna t’Alla li mill-kuntradizzjonijiet jaf joħroġ il-coerenza u  mill-vojt jaf iwassalna għal-milja. 

    Amoris Laetitia – Għodda li ttina l-Knisja

    Kristu, permezz tal-Knisja, itina ħafna għodda biex igħinuna fil-missjoni tagħna.  Is-sena l-oħra konna xxurtjati li Papa Frangisku tana l-Ezortazzjoni Apostolika Amoris Laetitia  li hija tiżwiqa sabiħa ta’ tagħlim tal-iskrittura, osservazzjonijiet teologici, riflessjonijiet pastorali u pariri prattici.

    Anke dan irridu naqrawħ fis-sħuħija tiegħu u mhux b’mod selettiv. Il-Papa jgħaddi għall-osservazzjonijiet pastorali wara li jitkellem fuq l-imħabba kif impoggija fil-kuntest tal-iskrittura, tad-duttrina tal-Knisja u tal-esperjenzi tal-familji illum. Għalhekk id-dokument itina djalogu bejn il-kelma t’Alla, it-tagħlim tal-Knisja u r-rejaltajiet tal-familji illum.

    Huwa biss wara din id-diskussjoni li l-Papa jgħaddi għal-osservazzjonijiet pastorali mingħajr ma warrab xejn mit-tagħliim duttrinali tal-Knisja dwar iz-żwieġ u l-familja. F’Paragrafu 307 il-Papa jgħid hekk “Biex nevitaw kull interpretazzjoni żbaljata, infakkar li bl-ebda mod il-Knisja m’għandha żżomm lura milli tipproponi l-ideal sħiħ taż-żwieġ, il-pjan ta’ Alla fil-kobor sħiħ tiegħu”.

    Pero’, konxji tad-diffikultajiet u l-weġgħat ta’ ħafna familji, u filwaqt li għandna nibqgħu nipproponu, mingħajr ma nimponu, l-idejal sħiħ taż-żwieġ skont il-pjan t’Alla,  m’għandniex niġġudikaw lil min ma jilħaqx dan l-idejal. Għal żmien twil, jgħid il-Papa sħaqna wisq fuq l-aspetti dottrinali, fuq it-tejorija li ma kelliex konnessjoni mal-problemi u d-diffikultajiet rejali li jiffaccjaw il-familji ta’ kull jum. Il-Papa jfakkar li r-regoli mhumiex ġebel li nixħtu fuq sitwazzjonijiet familjari diffiċli. Ma nistgħux nisħqu biss fuq l-idejal, mingħajr ma’ nifhmu il-kumplessitajiet u r-rejaltajiet li qed jgħixu l-familji ta’ kull jum u nakkumpanjawhom fid-diffikultajiet tagħhom bil-ħniena.

    Il-ħniena hija ċentrali fit-tagħlim kollu ta’ Papa Frangisku u mhix koncidenza li din l-ezortazzjoni Apostolika gied vara fis-sena tal-ħniena. F’ittra li bagħat il-Papa lil Pontificia Universidad Catolica Argentina fic-centinarju mit-twaqqif tal-Fakulta tat-Teologija il-Papa kiteb hekk:

    “La misericordia non è solo un atteggiamento pastorale ma è la sostanza stessa del Vangelo di Gesù. Vi incoraggio a studiare come nelle varie discipline - la dogmatica, la morale, la spiritualità, il diritto e così via - possa riflettersi la centralità della misericordia.”

    Il-ħniena mħix biss atteġġjament pastorali imma hija s-sustanza innifisha tal-Vanġelu.  Ninkoraggikhom tistudjaw kif fid-dixxiplini kollha tal-istudji tagħkhom il-morali, l-ispiritwalita, il-liġi, taraw kif tiġi riflessa iċ-ċentralita tal-ħniena.  

    Jekk hemm personifikazzjoni tal-ħniena li nirrelataw magħha hija il-figura tal-Omm. Għalhekk il-Papa jaqsam magħna il-konvinzjoni tiegħu li Kristu jixtieq Knisja Omm li, filwaqt li tesprimi b’mod ċar u bla tlaqliq it-tagħlim tagħha, fl-istess ħin hija miftuħa għall-uliedha kollha inkluż dawk li ma jilħqux l-idejal li poġġielna Kristu. Kristu jixtieq Knisja Omm li tħobb lill uliedha kollha, li  tiġbor lil uliedha kollħa fi ħdanha u takkumpanjahom kollħa mingħajr eskluzjoni u mingħajr kundizzjoni.








comments powered byDisqus