• Laqgħa Ġenerali Annwali 2018 tal-Gruppi Familji Nsara

  • Il-Gruppi Familji Nsara tellgħu l-Laqgħa Ġenerali Annwali tagħhom, is-Sibt 3 ta' Marzu 2018, fiċ-Ċentru Parrokkjali Familja Mqaddsa fil-Parroċċa tal-Imsida. F'din il-laqgħa temmew it-terminu tal-karigi rispettivi tagħhom il-Koppja President James u Marica Chappell, il-Koppja Teżoriera Mario u Anna Zerafa, u l-Koppja Distrettwali A Chali u Rita Azzopardi. Bdew it-terminu ta' tliet snin il-Koppja President Carmel u Helen D'Amato, il-Koppja Teżoriera George u Louise Sammut u l-Koppja Distrettwali A Godwin u Pauline Grech.

    Diskors mill-Koppja Presidnet uxxenti James u Marica Chappell

    Waqt l-Udjenza Ġenerali li kien ta nhar l-Erbgħa 12 ta’ Awwissu 2015, fis-sensiela ta’ Katekeżi dwar il-Familja, il-Papa Franġisku fetaħ mixja qasira ta’ riflessjoni fuq tliet dimensjonijiet li jkopru r-ritmu tal-ħajja tal-familja: il-festa, ix-xogħol u t-talb.

    Din il-laqghħa tagħna llum tidwi dawn it-tliet dimensjonijiet li kien ippreżentalna l-Papa. Bdejna bit-talb, permezz tas-sagrifiċċju tal-quddiesa. Tkellimna dwar ix-xogħol li sar matul is-sena li għaddiet. U dan kollu niffessteġġjawh meta fit-tmiem tal-laqgħa nieħdu l-kafé flimkien. Tliet dimensjonijiet li jsawru l-familja. Tliet dimensjonijiet li jsawru l-Gruppi Familji Nsara. Gruppi għall-familja, li minnhom infushom isiru familja waħda estiża, Familja Ħajja, kif jixhed it-titlu tan-newsletter tagħna.

    Kienet din il-kariżma li 23 sena ilu ħajritna ngħidu IVA għall-istedina li saritilna biex ningħaqdu mal-Grupp Familji Nsara fil-parroċċa tagħna ta’ Ħad Dingli; kariżma li għenitna ngħixu u nikbru fir-relazzjoni u s-sejħa tagħna fiż-żwieġ. Kienet l-istess kariżma li wasslitna biex 6 snin ilu aċċejtajna n-nomina fil-kariga ta’ Koppja President; żewġ termini li qed jaslu fit-tmiem tagħhom illum.

    F’din ir-riflessjoni qasira tagħna llejla xtaqna li nagħtu ħarsa lejn dawn is-6 snin ta’ ħidma. M’hemmx għalfejn li nelenkaw kull ma sar, dak intom il-koppji membri u chaplains tafuh, iżda nixtiequ li flimkien magħkom propju niċċelebraw dan il-vjaġġ: kif jgħdilna l-Papa, nagħmlu festa.

    Meta jitkellem dwar il-Familja ta’ Nażaret il-Papa Franġisku jgħidilna dan il-kliem: “Ġesù baqa’ jgħix f’dik il-periferija, (ir-raħal ta’ Nażaret), għal tletin sena.  L-Evanġelista Luqa jiġbor dan il-perjodu f’dan il-kliem: Ġesù “kien joqgħod għalihom [jiġifieri għal Marija u għal Ġużeppi]”.  U wieħed forsi jista’ jgħid: “Imma dan Alla li ġej biex isalvana, ħela tletin sena hemm, f’dik il-periferija mistkerrha?”.  Ħela tletin sena!  Hu hekk ried.  Il-mixja ta’ Ġesù kienet f’dik il-familja.  “U ommu kienet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha.  U hekk Ġesù baqa’ jikber fl-għerf, fis-snin u fil-grazzja, quddiem Alla u quddiem il-bnedmin” (2:51-52). (Udjenza Ġenerali, Pjazza San Pietru, l-Erbgħa 17 ta’ Diċembru 2014).

    Aħna wkoll sibna ‘l min jgħidilna li ħlejna 6 snin. Għax kif tafu intom ilkoll, għax intom ukoll involuti, il-volontarjat itik lura sodisfazzjon li diffiċli tifhmu jekk ma jkollokx esperjenza tiegħu. Il-mixja ta’ Ġesù, kif smajna lill-Papa jgħidilna, kienet f’dik il-familja. U l-mixja tagħna kienet fil-Gruppi Familji Nsara, il-familja estiża tagħna.

    F’dan l-aħħar indirizz tagħna għalhekk inħeġġukom biex dak li wassal lilkom twieġbu IVA għas-sejħa fil-Gruppi għeżież tagħna, twassluh lil koppji u familji oħra li għadhom ma skoprewx l-hekk imsejjaħ GRUFAN. Ma naqtgħux qalbna, u ngħidu li meta tħares fis-sala tara ħafna xahar abjad, jew irjus fratas! Ix-xahar abjad u l-qargħa huma xhiedha ta’ ħajja twila u sabiħa fiż-żwieġ. Ma noqgħodux lura milli fil-parroċċi tagħna nħeġġu koppji żgħar jingħaqdu mal-GRUFAN, speċjalment intom li intom ukoll Koppji Mexxejja tal-Kors tat-Tħejjija għaż-Żwieġ. Taqtgħux qalbkom għax hija ħaġa possibbli; dan ngħiduh mill-esperjenza tal-Grupp tagħna li matul l-2017 ingħaqdu magħna 3 koppji żgħar, li għandhom ukoll tfal żgħar u trabi.

    Il-Papa San Ġwanni Pawlu II kien sostna “Non avete paura” ... la tibżgħux. Kien ħeġġiġna wkoll “Spalancate le porte a Christo” ... iftħu l-bibien beraħ għal Kristu. Dan għandu jkun l-atteġġjament tagħna.

    Xtaqna li llum insellmu s-sehem tal-koppji ħutna fil-Kumitat Ċentrali li ħdimna flimkien tul dawn is-snin. Nibdew bil-Koppja l-aktar riċenti li ngħadet fil-Kumitat, il-Koppja Emmanuel u Rosanna Falzon li tul dawn is-sentejn kienu l-Koppja Segretarja. Ma jonqosx hawnhekk li nsellmu lill-Koppji Segretarja li wkoll ħdimna magħhom qabilhom; lil Joe u Doreen Magro, u lil Joe u Melissa Demanuele. Nirringrazzjaw lit-tliet Koppji Distrettwali: Chalie u Rita Azzopardi, Tonio u Helen Attard Bason, u Carmel u Helen D’Amato. Hawnhekk insellmu wkoll lil Joseph u Doris Grech u lil Charles u Catherine Sammut, li wkoll ħdimna magħhom tul dawn is-6 snin fil-Kumitat fejn taw servizz bħala Koppji Distrettwali rispettivi. Nixtiequ li nuru apprezzament partikolari lill-Koppja Mario u Anna Zerafa. Sirna nafuhom l-ewwel bħala l-Koppja Distrettwali tagħna, sakemm imbagħad ħdimna flimkien tul dawn is-6 snin fil-Kumitat Ċentrali, fejn il-Koppja Zerafa kienet il-Koppja Teżoriera, kariga li qdew b’abbiltà u reqqa kbira. Proset u grazzi Mario u Anna. Nirringrazzjaw lil Mons Charles Attard, Chaplain Nazzjonali għal dawn l-aħħar sentejn, kif ukoll lill-predeċessur tiegħu il-Kanonku Dun Joe Mizzi, u ‘l Dun Karm Mercieca.

    Nirringrazzaw lilkom il-koppji membri u Chaplains li tul dawn is-6 snin sibniekom dejjem warajna. Grazzi tas-support u s-sostenn kontinwu tagħkom. Nirringrazzjaw ukoll lill-isqfijiet tagħna għall-fiduċja li tawna meta approvaw in-nomina tagħna; lill-Arċisqof Pawlu Cremona għall-approvazzjoni tiegħu fl-ewwel terminu, u l-Arċisqof Charles J Scicluna għall-approvazzjoni tiegħu għat-tieni terminu.

    Imiss issa li nħarsu ‘l quddiem. Dak li aħna sibna minn ta’ qabilna komplejna nibnu fuqu filwaqt li aġġornajna kemm stajna maż-żmien is-sistemi u l-metodi tagħna. Għalhekk bi pjaċir nintroduċu lill-koppji ġodda li se jingħaqdu mil-lum fil-Kumitat Ċentrali; il-koppja George u Louise Sammut li se jagħtu servizz bħala Koppja Teżoriera, u l-koppja Godwin u Pauline Grech li se jagħtu servizz bħala Koppja Distrettwali A.

    Aħna nieqfu hawn filwaqt li nawguraw aktar ħidma sfieqa b’riżq il-Familja permezz tal-Gruppi Familji Nsara, li issa għandhom Koppja President ġdida; koppja li ħdimna fil-qrib magħha fil-Kumitat Ċentrali u li wkoll għandhom ħafna għal qalbhom il-Gruppi Familji Nsara, bi storja twila ta’ ħidma. Il-Koppja Carmel u Helen D’Amato.

    Agħfas hawn għar-ritratti.








comments powered byDisqus