Post of Administrative Secretary
Awguri u Grazzi Fr Joe!
The heroic priest who died on the Titanic
Quddiesa għall-Miżżewġin Ġodda
Raġel li ħafer lil martu
Changing Times: Impacts of time on Family Life
Who’ll care for our elderly?
Mons. Charles Vella
Laqgħa Ġenerali Annwali tal-GRUPPI FAMILJI NSARA
Imsejħin biex inkunu differenti
Kondoljanzi
Mal-Papa f'Jum San Valentinu
Abbozz ta’ Liġi biex jirregola l-Koabitazzjoni
Katekeżi tal-Papa Franġisku dwar iż-Żwieġ u l-Familja
Mother & Baby Club Meetings
Grazzi Miriam
Laqgħa tar-Randan mill-Gruppi Familji Nsara
Mum, Dad and Kids
GĦAMMRU U TGĦAMMRU
Reflections on Embryo Freezing
Laqgħa Ġenerali Annwali 2014
Iż-Żwieġ huwa Għotja
Laqgħa Ġenerali Annwali 2016
Imħabba Vera Teżisti
Pope Francis - On the Sacrament of Marriage
Jingħata Bidu għas-Sena Pastorali tal-Moviment ta' Kana
Il-liġi tipproteġiha lill-familja?
Iż-Żwieġ u l-Familja
Knisja f’dixxerniment
Il-Fundatur jiltaqa' mal-Papa
No Man is an Island
Awguri !
Quddiesa għall-Għarajjes
Dan kollu għalfejn?
Biex Siġra titla’ Dritta
Jiena Nemmen ...
Love, sex and marriage in liberal societies
L-Ewwel Ħadd ta’ Frar - JUM L-ĦAJJA
L-Imħabba
Ġimgħa Żwieġ 2015
Feed the life, nourish life and sustain the family
Il-Konflitti fiż-Żwieġ : Hemm soluzzjoni?
Archive
Lill-Għarajjes f’Jum it-Tieġ
Fiż-Żwieġ Inqaddsu lil Xulxin
Amoris Laetitia - The Joy of Love
Obituary : Paul Attard
Il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Moviment ta' Kana
Servizz tal-Qrar
Quddiesa għall-Familji mill-Gruppi Familji Nsara 
  • L-Imħabba

  • minn Fr Charles Delia

    Għadni niftakar: qabel, ilu mhux ħażin, meta tnejn ikunu ħa jiżżewġu, in-nies kienu jistaqsu aktarx dwar ir-raġel, jekk huwiex bil-għaqal. Il-biċċa l-kbira tan-nisa, dak iż-żmien, ma kenux jaħdmu barra minn darhom.  Dawk li jaħdmu, l-biċċa l-kbira ma kenux miżżewġa. L-għaqal tal-mara kien li tkun  bieżla u miġbura, kif kienu jgħidu. L-għaqal tar-raġel kien li ma jħares lejn ħadd, jibża’ għas-sold u jkun bieżel.

    Illum il-biċċa l-kbira tan-nies mhux hekk jirraġunaw. Jekk tnejn ikunu ser jiżżewġu, jgħidulek, imbasta jħobbu lil xulxin. Dak l-aqwa. Daħlet il-fehma daż-żmien li ż-żwieġ, biex jirnexxi jrid ikun mibni fuq l-imħabba. Qabel in-nies ma tantx kienet titkellem dwar l-imħabba, anqas fil-kuntest taż-żwieġ. Kien hemm bħal ċerta mistħija jew suġġezzjoni dwar dan is-suġġett. Forsi għax l-imħabba fiż-żwieġ hija marbuta mas-sesswalità.  Anqas fil-kodiċi legali tal-Knisja, li nafuh bħala d-Dritt Kanoniku tal-1917, ma kienet tissemma’ l-imħabba fost l-għanijiet taż-żwieġ. Is-sesswalità fiż-żwieġ kient meqjusa bħala remedium concupiscentiæ, biex tittaffa l-ġibda lejn xulxin. Qabel kollox iż-żwieġ kien istituzzjoni biex jiġu u jitrabbew it-tfal. Is-sesswalità kienet bħalli kieku ħaġ’oħra mill-imħabba. Fil-kodiċi l-ġdid (1983), imnebbaħ mill-Konċilju Vatikan II, is-sesswalità tal-miżżewġin titqies bħala espressjoni tipika tal-imħabba tal-miżżewġin, imħabba “miftuħa għall-ħajja” jew “prokrejattiva”.

    Il-mentalitajiet jinbidlu. Il-kultura, jiġifieri l-mod kif jgħixu u jikkomunikaw in-nies, titbiddel ukoll. Fil-lingwaġġ dan jidher sewwa u dan jixhed kif jaħsbu u jqisu n-nies. Qabel l-għaqal; issa l-imħabba. Is-sess kien tabù, issa sar biċċa mid-diskors, mix-xbihat, mill-aħbarijiet, mill-qari, tista’ tgħid ta’ kuljum. L-istess, qabel is-sess kien marbut fl-imħuħ mad-dnub. Illum m’għadux, daqshekk għall-inqas. Qabel is-sess kien fissazzjoni; illum ħaġa naturali. Min jemmen jifhem li s-sess Alla jridu; min ma jemminx, jgħidlek li n-natura hi kif inhi, ukoll f’dan il-qasam. Ħaġa normali. L-użu tas-sess kif għandu jkun huwa tajjeb; l-użu tas-sess ħażin, ma jiswiex!

    Fiż-żwieġ is-sesswalità u l-imħabba jmorru flimkien.

    Propjament is-sesswalità hija li tkun raġel jew mara. Is-sess huma l-organi sesswali li jmorru mas-sesswalità, inkella l-għaqda tar-ragel u tal-mara permezz tas-sess. Drabi oħra s-sess ifisser l-użu ta’ dawn l-organi ġenital, inkella ġenitalità. Issa fiż-żwieġ is-sess u l-imħabba jmorru flimkien. Għax jinħabbu b’imħabba tipika ta’ raġel u mara, il-miżżewġin jesprimu ruhhom fiżikament u psikikament. Fl-istess ħin din l-espressjoni żżid u tkabbar l-imħabba. Għax l-imħabba hija l-pern, il-qalba taż-żwieġ. L-espressjoni sesswali hija aspett, dimensjoni ta’ din l-imħabba, effett u kawża tagħha, fl-istess ħin! Il-ħajja kollha miżżewġa hija magħġuna, animata mill-imħabba, li fl-aħħar mill-aħħar hija l-għotja sħiħa lil xulxin tar-raġel u tal-mara. Għax iħobbu b’din l-imħabba, li l-Griegi sejħulha imħabba ta’ eros, minsuġa max-xewqa ta’ xulxin, u li fuqha jitkellem hekk tajjeb u b’mod oriġinali Benedettu XVI fl-ewwel enċiċklika tiegħu “Alla Huwa Mħabba”.  Din l-imħabba twaħħad, bla ma xxejjen il-persunalità tal-koppja. Biha huma u jsiru fl-istess ħin Insara aħjar, jitqaddsu. Mhux talli s-sess mhux xi ħaġa “maħmuġa”, xi ħaġa li tbegħedek minn Alla, talli s-sess fil-għaqda tal-imħabba taż-żwieġ isir hekk sabiħ, għax isib postu, biex ngħid hekk. Isir jiftiehem b’mod ġdid, għax imnebbaħ u mwettaq mill-imħabba u fl-imħabba. L-istess jgħodd għall-pjaċir li jiġi mal-għaqda sesswali, u li bih u fih il-koppja “tintilef” biex terġa’ ssib lilha nfisha mill-ġdid, imġedda.
    F’din l-għaqda ta’ żewġ ħajjiet fl-aspetti kollha tagħha in-Nisrani jilmaħ u jgħix il-għaqda t’Alla mal-umanità, ta’ Kristu u l-poplu tiegħu, il-Knisja: sagrament.

    Is-sigriet tal-ħajja hija l-imħabba. Aħna qegħdin hawn biex infittxu u nsibu min iħobbna. Ħolqien ta’ Alla li huwa komunità ta’ mħabba, aħna xbihat ta’ din il-komunità u msejħin biex nagħtuha xejra persunali u ħajja lil din l-imħabba. Il-muftieħ tad-dar taż-żwieġ ukoll hija l-imħabba. Darba qrajt li jekk tnejn jinħabbu tassew fiż-żwieġ, ir-rabta tagħhom hija garantita, tibqa’ għal dejjem, taffaċċa kull periklu, l-irjieħ, il-maltemp, it-tempesti. Illum meta tant żwiġijiet jintemmu u jimirdu, meta d-divorzju u t-tieni, it-tielet … żwieġ huma hekk komuni, ma jistax ma jitfaċċax dubju ġewwa moħħok , speċjalment fil-moħħ taż-żgħażagħ li jixtieq u jridu jiżżewġu. Niftakar meta qrajt din il-fehma dwar iż-żwieġ donnha faqqgħet molla f’moħħi u għidt: possibbli? Hawn tant li jibdew iż-żwieġ b’imħabba kbira u mbagħad … Ħsibt li l-għajnuna u l-grazzja t’Alla trid tkun l-ewwelnett … Imma Alla ma jeħux f’idejH id-dgħajsa. Huwa jipprovdi r-riħ u jwaqqaf il-qlugħ … imma aħna rridu nkunu bil-ħbula f’idejna, nieħdu ħsieb id-dgħajsa, naraw li ma jonqosha xejn … it-tnejn, aħna u Alla. Min ma jemminx f’Alla jew ma jafux ukoll, jekk jemmen  tassew fl-imħabba u jipprova jgħixha, għandu kuntatt Miegħu f’qalbu, u Alla qiegħed miegħu. Għax Alla hu mħabba u fejn hemm l-imħabba hemm Alla, il-veru Alla, Missier Sidna Ġesù Kristu, li minnu ġejja kull familja kull żwieġ fl-imħabba.

    Mela din l-imħabba x’inhi!? Kif naqbdu nifhmuha, inħaddmuha, ngħixuha, nikbru fiha? Kif inkunu persuni li jħobbu tassew? X’jiġifieri tħobb? Min jista’ jagħtina l-aħjar risposta, min jista’ jgħallimna, itarrfilna u jurina fejn toqgħod? It-tweġiba tiegħi hija waħda: nistaqsu lill-ommijiet. Ħadd fid-dinja ma jħobb kif u bħalma tħobb omm lil uliedha. Trid tkun omm biex tifhem u tħossu dan! Anqas uliedha ma jistgħu qatt iħobbuha bħalma tħobbhom hi! Meta qrajt il-kotba The Life of It, a stajtx nemminhom. Omm li kienet tittratta lil wieħed miż-żewġ itfal tagħha bħal, (x’jien ngħid?) biċċa tal-art … agħar … u la titimgħu, tagħlqu fil-loki wahdu … il-missier kien jibza’ minnha. Kienet tisker. Imma lill-iehor kienet tistmah u tħobbu. “It” – kien imsawwat, mimli biża’, jissaporti, jibqa’ bil-ġuħ (kieku mhux għall-gidma li kien inewwillu missieru!), ixomm l-irwejjaħ u gassijiet li jagħmlulu ħsara fil-pulmuni u fl-istonku, jorqod jekk jista’ fl-art … Tista’ l-omm tinsa lil binha? … naqraw fil-Bibbja fuq fomm Alla … milli jidher tista’ … u kif, anzi tobogħdu, tużah bħal biċċa tal-art li sserviha … Imma dik ma kenitx omm tassew: kienet mostru, mara marida sew (biżżejjed taħseb f’kemm kienet tkun bis-sakra u tmexxi d-dar fil-biża u t-tregħid…) immatura għall-ahhar li għalkemm nisslet u welldet ma kenitx kapaċi trabbi ż-żewġ uliedha. F’wieħed minnhom kienet tara mostru u kienet tibża’ u tara x-xbiha negattiva tagħha, u tobogħdu tittorturah u żżommu ħaj biex tinqeda bih … ma toqtlux bis-sikkina imma toqtlu  bil-mod il-mod, għax tkissru, ixxejnu, tiddisprezzah!

    L-imħabba tal-omm hija għamla ta’ mhabba. L-imħabba tal-miżżewġin hija oħra. It-tnejn imħabba, imma mhux it-tnejn l-istess tip. Hemm l-imħabba tal-ħbieb. Skond il-filosfu Grieg Aristotele, li influwenza l-ħsieb tal-Punent u tal-Knisja Nisranija b’mod eċċezzjonali, il-ħbiberija dak li jagħzilha minn għamliet ta’ mħabba oħra hija, r-reċiproċità. Hemm ukoll l-imħabba ta’ bejn l-aħwa, tal-ulied lejn il-ġenituri u ta’ dawn lejn uliedhom.

    L-imħabba hija bħal vleġġa li timmira lejn ħaddieħor:   trid il-ġid, il-hena, ir-risq  is-saħħa, il-fejqan tal-persuna maħbuba. Inħobbok għalik innifsek, mhux għalija jew għall-vantaġġi li nista’ nakkwista jew li nittama minn għandek.  Inħobbok u għalhekk ma rridekx tkun inqas minni; irrid naqsam miegħek dak li għandi u inti m’għandekx. Irridek daqsi. Imma fl-istess ħin ma rridx li inti ssir jien. Irrid nibqa’ jien biex inkun nista’ nagħtik lili nnifsi, ħalli inti ssir aktar int.

    Barra minn hekk m’hemmx imħabba mingħajr rispett u mingħajr stima tad-drittijiet tal-persuna maħbuba. Għax il-ġustizzja mhix għajr l-ewwel tarġa tal-imħabba; u mingħajr rispett tad-drittijiet, u allura tad-doveri lejn il-persuna maħbuba, m’hemmx imħabba tassew. Ħaġa ferm għolja; imma daqstant iebsa u tqila l-imħabba. Din mhix biss sentiment xi ħaġa li tħoss, bħal tferfir il-qalb. Tista’ l-imħabba (bejn is-sessi, jew fi ħdan l-istess “sess” (aħjar it-terminu Ngliz: gender) tibda bħala ħsus, tqanqil, xewqa jew aptit. Bħalma tista’ tibda bħala “grazzja” (bħal meta ngħidu: għandi grazzja ma dik/dak li jkun).

    Il-bniedem, il-libertà tiegħu. Tirrispettah biss jekk u aktar ma tħallih u tixtieq li jsir dejjem aktar “ħieles”, liberu. M’intix bniedem jekk m’intix liberu. Fl-istess ħin, aktar ma inti liberu aktar inti bniedem, uman.

    Ħabib taqsam ħajtek miegħu. U hu miegħek. Imma fl-aħħar mill-aħħar, dil-ħbiberija tissejjes u tinbena fuq il-libertà tat-tnejn. L-istess fiz-żwieġ. L-għaqda tal-miżżewġin tinħoloq b’dik is-signor si, b’dik l’Iva li titnissel, tinbet, u tikber fil-qalb ta’ xulxin, u li tingħad imbagħad fil-beraħ fi ħdan is-soċjetà … din l-għaqda tibqa’ sseħħ u tissaħħaħ ta’ kuljum bil-libertà kollha min-naħa tal-koppja miżżewġa. Iżda l-libertà hija ħaġa drammatika daqs kemm tista’ tkun traġika. Fuqha tistrieħ il-fedelta’, il-kumbattiment biex il-qalb tiqba’ magħquda u marbuta mas-sieħeb/mas-sieħba. Din il-libertà tintrabat b’mod ħieles għal dejjem … imma minnħa nfisha tibqa’ dejjem suġġet li tista’ tkun kaġun li l-imħabba tixxellef, tinqasam,tinkiser … Għax tħobb l-imħabba tafda, imma jekk titqarraqx ma jiddependix biss min-naħa waħda! Il-libertà hija kostruttiva imma tista’ tkun kaġun ta’ distruzzjoni. Il-libertà ħaġa kbira; imma tista’ tkun traġika. L-imħabba trid tieħu ħsiebha, tħarisha, tbegħedha mill-perikli, biex ma timradx, biex tibqa’ sħiħa u tikber! Teżor kbir il-libertà u l-imħabba, li nġorruhom ġo ġarar tal-fuħħar!

    X’tagħmel biex tħobb? Tħobb. Kif titgħallem tħobb? Billi tħobb. Issa fil-konkret kif u meta tħobb? Il-psikjatra kattoliku Jack Dominian meta jitkellem dwar l-imħabba fiż-żwieġ jibbaża ruħu fuq l-esperjenza klinika tiegħu, u jgħid li min iħobb lis-sieħeb/sieħba tiegħu qabel xejn isostnih. Imbagħad,ifejjaqha/ifejqu. It-tielet  jgħinu/jgħinha jikber. Dawn huma t-tliet karatteristiċi li jiddeskrivu l-imħabba, kull imħabba, imma b’mod partikulari, l-imħabba fiż-żwieġ. Nelaboraw daqsxejn. Min tħobbu ssostnih. Ġeneralment dil-kelma nużawha dwar is-saħħa fiżika. Issostni lit-tifel jew it-tifla jew lil xi ħadd daqsxejn dgħajjef tfisser ittiħ is-sustanzi. Imma ssostni lil xi ħadd ifisser li twieżnu, tkun bħallikieku l-bastun tiegħu/tagħha, ikun jew tkun tista’ tistrieħ jew isserraħ fuqek: psikoloġikament jew ukoll spiritwalment. Tkun bħal pilastru għalih, il żżommu wieqaf, inkella jogħtor … tinkuraġġih, tgħinu jkompli jekk jaħbat jaqta’ qalbu, ma tħallihx jaqa’ anzi żżommu fuq saqajh … tgħinu fix-xogħol, fil-proġetti tiegħu, fil-mumenti ta’ swied il-qalb tal-għeja, hemm tkun fiżikament,  bil-prezenza tiegħek, bil-kelma, bl-inkuraġġiment … il-ħsieb tiegħek u ta’ min int għalih, jaħjih, isaħħu, imexxih ‘l quddiem. Fit-tlugħ u l-inżul tal-ħajja tkun bhal dik l-omm li meta t-tifla ċkejkna tkun tiela jew nieżla t-taraġ, hemm tkun warajha biex tilqagħha, jew iżżommha … u t-tifla tħossha żgura, tagħmel l-isforzi biex titla’, tintelaq biex tinżel u ma titgerbibx!  Jgħidu l-psikologi li r-raġel meta jiġi biex jiżżewweġ  jerga’ jfittex lil ommu fis-sieħba, u l-mara lil missierha.

    Tħobb tfisser tfejjaq! Kull wieħed minna għandu l-feriti tiegħu. L-ebda passat, tal-ebda bniedem ma kien għal kollox lixx bla mankament  jew bla ġerħa li dak li jkun irid iġorr miegħu u jara kif jagħmel biex ifejjaqha, jikkuraha, jieħu ħsiebha. Fost il-mard li jheddidna jew ftit jew wisq jaħkimna hemm  il-biża’, hemm dawk “ix-xbihat” li mingħalina tħassru għal kollox għax insejnihom, imma kultant b’mod jew ieħor jitfaċċaw u jew jipparalizzawna jew ifixkluna, hemm dawk li jsejhulhom “kumplessi”, l-istima baxxa jew għolja wisq tagħna nfusna … dawn u oħrajn bħalhom qegħdin hemm, bħalli kieku reqdin, imma drabi jistenbħu…u r-riżultati jkunu koroh għalina jew għall-ohrajn. Illum il-psikoloġija u l-psikjatrija għamlu ħafna progressi u dak li ma konniex nifhmu jidhrulna sintomi jew sinjali ta’ xi disordni profond li jeħtieġ infittxuħ, insibuħ, nippruvaw infejquħ. Issa min iħobb bħal fiż-żwieġ ikun ktieb miftuħ mal-maħbub (a) tiegħu … u dan jifhem u jkun jaf, aktar ma jgħaddi ż-żmien, il-qawwiet u d-dgħufija ta’ dak li jkun. Il-ħajja flimkien u għal xulxin hija bħal tieqa li minnha tara l-psike, ir-“ruħ” f’sens psikoloġiku ta’ dak jew dik li tkun. L-ewwel u l-aqwa kura għad-dgħufija psikoloġika, għall-fdalijiet u ħsus ta’ ħtija, hija l-aċċettazzjoni sħiħa u bla kundizzjoni ta’ dik li tkun kif inhi … U dan taf tagħmel, dan iġġib magħha l-imħabba. Għalhekk taf tfejjaq. Kultant tistaqsi lilek innifsek kif meta kont għadek żgħażugħa u anke sa ftit wara li żżewwiġt kont moħħok fl-ilbies tal-aħħar moda, żraben, tonfoq il-belli liri fil-fwejjaħ – u ma kenitx tgħaddi ġimgħa bla spejjeż li llum tarhom żejda … kemm ilek miżżewġa m’għadx għandek dik il-kilba għall-moda … mhux għax sirt soru … imam … inkella dak iż-żgħażugħ li kien iħobb jilgħabhom, inkella jisker … u fiż-żwieġ sab il-bilanċ … ieħor li kien iħossu mhu tajjeb għal xejn, illum imerik Alla kollox jagħmel … iehor li kien dejjem jikkritika u jmaqdar issa sar ferm aktar pożittiv. Inkella dik li donnha qatt ma kibret, dejjem għajjura, dejjem tfittex li titkellem hi, dejjem tagħmilha tal-vittma … issa fiż-żwieġ … inbidlet bħal-lejl għan-nhar …

    L-imħabba tfittex issib, tilmaħ u tgawdi s-sabiħ fil-karattru tal-maħbub (a). Dan trid tmexxiħ ‘il quddiem. Għax jinteressaha li l-maħbub jikber (tikber), issir aktar matura, tħobb dejjem aktar kollha kemm hi. Għax l-imħabba taf-“toħloq”, mhux mix-xejn iżda mill-frak, mil-bċejjeċ li diġa qegħdin fil-persuna u li forsi għadhom ma ġewx imselltin flimkien, toħloq mużajk, kwadru b’ħafna lwien. Tgħin lill-maħbub iduq, javvanza u jistagħna bil-valuri li bħal żrieragħ qegħdin dil-ħamrija tar-ruh u għadhom ma nibtux ma kibrux ma warrdux! Jgħidu li kulħadd il-hena jfittex u jrid. Imma fid-dawl tal-fidi jkolli ngħid li aħna dak li rridu u nfittxu hija l-milja tagħna nfusna li nsibuha fl-imħabba li taf tmantni, iddewwi, taħji u tagħni. Din l-imħabba sibniha fl-Iben li jitmagħna u jgħajjixna, jaħfrilna u jfarraġna, joħroġ minna dak li jtina statura u personalità ġdida. Mudell tal-imħabba kulfejn tinsab, l-aktar fil-għaqda taż-żwieġ!

    Naturalment biex l-imħabba fiż-żwieġ tkun kif għandha tkun jeħtiġilha tkun dejjiema, bla kundizzjoni, b’dinamiżmu ntern li jmexxiha ‘l quddiem bla ma jaqta’. Minnha nfiha trid tkun permanenti. Trid tkun ta’min jafdaha, ta’ min joqgħod jew jorbot fuqha. Tnissel minnha nfisha fiduċja sħiħa bejn is-sħab twettaq iċ-ċertezza li t-tnejn huma ta’ xulxin. Mhux li saru ħaġa waħda fis-sens li jitilfu l-identità ta’ xulxin. Mhix fużjoni l-imħabba, imma għotja tiegħek innifsek għal dejjem u fiż-żgur. Meta ngħidu “l-mara tiegħi” jew “ir-raġel tiegħi” ma rridux infissru li r-taġel/mara sar propjetà tal-ieħor jew l-oħra … “tiegħi” tfisser li aħna marbutin u magħqudin hekk flimkien li ebda persuna oħra m’għanda tidħol bejnetna … l-imħabba ma tagħmilx lill-maħbub/maħbuba “ħaġa” prezzjuza kemm trid, imma tistma, tirrispetta u tħobb bħala persuna li hija “assolut-relattiv” imma dejjem”assolut”, għan għalija nfisha u qatt mezz biex jintlaħaq jew iseħħ xi għan ieħor barra minnha.

    L-imħabba fiż-żwieġ għandha kwalità li tagħżilha minn għamliet ta’ mħabba oħra. Hija prokrejattiva. Mhux biss “miftuħa għall-ħajja”! Minnha nfisha hija għajn ta’ ħajja ġdida. Hija dik li twassal għat-trobbija tal-ulied. Trobbija fis-sens mimli ta’ din il-kelma. Nemmen li biex trabbi trid ħafna paċenzja u ħafna għaqal. It-tfal inrabbuhom it-tnejn - barra milli huma tat-tnejn, għandhom bżonn tal-omm u tal-missier. Iż-żgħar jixorbu dak li jaraw u jifhmuna bil-mod tagħhom. L-ewwel snin ta’ ħajjithom huma bħal sponża. Kollox jixorbu. Ma naħsbux li għadhom żgħar u ma jifhmux - jafu meta nkunu rrabjati, meta nitkellmu bejnietna b’ċertu ton, meta nbaxxu leħinna … jitħawdu meta nkunu kwieti u f’daqqa waħda nagħtu magħhom, naħsduhom, jindunaw meta nagħmlu l-preferenzi, jidraw meta nitolbu u kif ... anke l-problemi tagħna personali jew xi għoqda li jkollna bejnjetna “jxommu”… Importanti li nsibu ħin għal xulxin meta nkunu nrabbu, u li naqsmu flimkien is-sentimenti tagħna dwarhom, kif nikkorreġuhom, l-iżbalji li nħossu li għamilna, il-preokkupazzjonijiet, il-biżgħat tagħna dwarhom …

    Fil-familja ir-raġel u l-mara jikkmandaw … ma jeżistix raġel li hu l-boss. Darba forsi kien iġib il-flus u kien jippretendi jew jitqies bħala l-kap ... imma llum dan għadda. Ir-raġel u l-mara jikkumplimentaw lil xulxin: fejn ma jwassalx wieħed, tilħaq l-oħra! L-imħabba bejn il-koppja meta hija mħabba tassew hija bbażata fuq il-verità: caritas in veritate! Min iħobb joħloq atmosfera li fiha l-maħbub iħossu tassew at home, at ease! Ma’ min iħobbni nista’ nkun tassew “jien”, u nista, anzi għandi, nkun nista’ ngħodd is-sewwa kif inhu jew kif inħossu, dejjem mingħjar ma nweġġa’ bil-galbu bid-delikatezza, fil-ħin adattat u mingħajr esaġerazzjoni. L-istess dwar it-tfal, kultant l-imħabba tagħna lejhom jeħtieġ li tkun naqra tough għall-ġid tagħhom u dejjem bil-qjies. Biex it-tfal jikbru f’saħħithom psikoloġikament il-ġenituri jridu kemm jista’ jkun jappoġġjaw lil xulxin, inkella jifhmu li kultant aħjar inċedi jien jew iċċedi inti. Mistoqsija li dejjem kelli hija: kif iddarri (trabbi) t-tfal iħobbu u jaħfru … bla ma jkunu “ġifa”, u jkunu jafu jiddfendu ruhhom?! Importanti ħafna li t-tifel jitrabba biex isir “raġel” bil-fehmiet u l-konvinzjonijiet tiegħu; kif it-tifla tikber u ssir mara ta’ prinċipji. Min iħobb jagħti ċans li t-tfal jiżbaljaw, imbasta mbagħad jifhmu u jippruvaw ikunu “aħjar”.

    Ħaġa ta’ siwi kbir hija li nrawmuhom ikunu trasparenti (kemm jista’ jkun u hu sewwa, għax kull bniedem għandu dak li l-Franċiżi jsejħulu “l-ġnien intimu tiegħu” (le jardin secret) fen jinsab hu u Alla biss) ma’ missierhom jew ma’ ommhom. Naturalment biex dan iseħħ irridu nkunu nafu nisimgħuhom bil-kalma anke jekk minn ġewwa nkunu ser nisplodu, ma “nikkundannawhomx” jiġifieri xorta jibqgħu uliedna, xorta naċċettawhom, inkunu nafu naħfrulhom u nsibu l-aħjar rimedji għalihom. U nżommu ċerta kunfidenzjalità wkoll, inkella jkitilfu l-fiduċja u jingħalqu fihom infushom bi ħsara kbira għalihom. Importanti li nispjegawlhom għaliex inkunu qed nitolbuhom jagħmlu jew ma jagħmlux ċerti affarijiet. Mhux biss tgħidlhom: tmeċlaqx … imma wkoll għax niddardar nisimgħek, inkella għax hija nuqqas ta’ mġieba tajba u mal-oħrajn għandek iġġib ruħek sew inkella jiddejqu … m’għandux ikun! L-istess mhux biżżejjed tgħidilha: ma rridekx toħroġ liebsa hekk! Jeħtieġ tispjegalha, skond l-età li għandha, għaliex … Ħa ngħidlek x’jaħsbu l-ġuvintur jekk jarawk liebsa hekk … imbagħad bla ma trid tkun qisek qegħda tistedinhom! Kultant mhux biżżejjed tgħid ħaġa darba … l-aktar meta jkunu qegħdin jikbru u l-influwenza tal-media u ta’ shabhom hija hekk qawwija! Imbagħad nifhmu li għalkemm uliedna kull wieħed/waħda għandha l-personalità tagħha u li ħajjithom hija tagħhom … Biex nerġgħu niġu għall-imħabba: min iħobbok ma jridx idaħħlek ġo forma biex jagħmel kif trid hi, jew biex inti tagħmel dak li hi ma kellhiex ċans tagħmel … L-imħabba l-ewwel u qabel kollox tqim il-persuna ta’ min tħobbu tridha tikber u ssir personalità unika, ħielsa, li taf xi trid fil-ħajja u li tipprova tgħix u ġġib ruħha, b’mod li min jiltaqa’ magħha jħossu aktar liberu, aktar kuntent li qiegħed jgħix u li iltaqa’ magħha u sar jafha!

    Ippruvajt inpinġi kwadru li ħafna ser isbuħ idejalista wisq! Barra minn dan, dort dawra madwar it-tema tal-imħabba fiż-żwieġ u fil-familja, bla ma nżilt fil-fond biżżejjed tal-kwistjonijiet li ltqajna magħhom. It-tema tal-imħabba huwa minnu nnifsu “idejalista” għax il-qalba tiegħu hija l-ogħla valur tal-ħajja. Huwa l-ikbar ideal tal-bniedem. X’nifhem meta ngħid “valur”? Valur hu ħaġ ta’ siwi (prezz), li tqanqal stima, ap-“prezz”-ament. Issa persuni li jafu jħobbu u li jħobbu tassew inħossuna nistmawhom, nammirawhom inqimuhom. Għax fil-qalb ta’ qalbna lkoll kemm aħna nixtiequ nkunu maħbubin , u nħobbu tassew. Ħafna minna nafu nifhmu u nwettqu l-imħabba għax konna mill-bidu xortina tajba u sibna mħabba u għexna f’atmosfera ta’ mħabba. Għallmuna nħobbu u sawbu fina l-imħabba. Ġegħluna nemmnu fl-imħabba! L-istess Alla li huwa l-istess imħabba bla qjies , bla bidu u bla tmiem, nistgħu nifhmuh xi ftit, nersqu lejh u nħobbuh, għax permezz ta’ ommna u missierna, qabel kulħadd, ifissrilna mħabbtu, jiġbidna lejh u jgħallimna nhobbuh. Aħna nħobbu? Kif u kemm? Lil min? Hemm kwistjoni fl-istorja tal-Ħsieb jekk l-imħabba pura (safja) teżistix? Jista’ bniedem iħobb lil ieħor, lil ħabib, lil martu, lil huh lil ommu … lil min għamillu jew jagħmillu d-deni b’imħabba li m’għadnha ebda nteress ieħor ħlief li tħobb, ħlief il-ġid u r-risq tal-maħbub/a? F’kelma waħda, kif iħobbna Alla? Fil-ħajja tagħna l-imħabba hi kif inhi tibqa’ dejjem ideal … ogħla minna u mill-kapaċitajiet u l-forzi jew l-isforzi tagħna. Fil-fehma tiegħu, imbagħad, l-imħabba tal-bniedem qatt ma tkun disinteressata għal kollox. Dejjem ikun hemm dik id-daqsxejn togħma li nfittxu għalina nfusna. Imma din mhix ħaġa gravi, jew ħażina. Alla, jgħid Pawlu, sawwab fina n-nifs (l-Ispirtu) tiegħu li bih nistgħu ngħidu (jew nokorbu!) Abba, Missieri! Imma aħna ma nsirux Alla. Insiru wliedu għax, tgħid l-Ittra lill-Efesin’ “adottana”, bi pjaċir u b’imħabba. Imma kollox ma’ kollox nibqgħu bnedmin, limitati u dgħajfa.

    Għalhekk l-imħabba tagħna anke fis-sema tkun “divina” – naraw, nifhmu, inħobbu lil Alla kif iħobb lilu nnifsu u l-kull ma ġej minnu Hu, imma nibqgħu bnedmin … imħabbitna dejjem imħabba li nirċevu, mhux aħna stess. Alla biss huwa mħabba; aħna m’aħniex l-imħabba, imma nħobbu. Ħafna drabi, għax aħna bnedmin, jew għax inkunu qegħdin nikbru, naħsbu li l-imħabba hija affettività … din inħossuha u tista’ tkun tant qawwija li  nqisu li m’hemmx imħabba mingħajrha jew li hi l-istess imħabba. Imma mhux hekk! L-affettività tista’ tonqos, forsi wkoll tixxejjen, ma nafx … imma l-imħabba tibqa’. L-imħabba hija misteru aktar profond minn qiegħ il-baħar, ogħla mis-seba’ sema, usa mid-dinja, itwal mill-ikbar torri. Għax hija l-abbiss ta’ qalb il-bniedem … il-misteru ta’ Alla nnifsu! Mhux tħossha trid, l-imħabba, imma tgħixha u toħolqilha spazju dejjem akbar f’ħajtek, f’ħajjitkom, f’ħajjitna għax tifhem li hija dejjem ikbar, dejjem ogħla, dejjem aqwa!







comments powered byDisqus