Post of Administrative Secretary
Awguri u Grazzi Fr Joe!
The heroic priest who died on the Titanic
Quddiesa għall-Miżżewġin Ġodda
Raġel li ħafer lil martu
Changing Times: Impacts of time on Family Life
Who’ll care for our elderly?
Mons. Charles Vella
Laqgħa Ġenerali Annwali tal-GRUPPI FAMILJI NSARA
Imsejħin biex inkunu differenti
Kondoljanzi
Mal-Papa f'Jum San Valentinu
Abbozz ta’ Liġi biex jirregola l-Koabitazzjoni
Katekeżi tal-Papa Franġisku dwar iż-Żwieġ u l-Familja
Mother & Baby Club Meetings
Grazzi Miriam
Laqgħa tar-Randan mill-Gruppi Familji Nsara
Mum, Dad and Kids
GĦAMMRU U TGĦAMMRU
Reflections on Embryo Freezing
Laqgħa Ġenerali Annwali 2014
Iż-Żwieġ huwa Għotja
Laqgħa Ġenerali Annwali 2016
Imħabba Vera Teżisti
Pope Francis - On the Sacrament of Marriage
Jingħata Bidu għas-Sena Pastorali tal-Moviment ta' Kana
Il-liġi tipproteġiha lill-familja?
Iż-Żwieġ u l-Familja
Knisja f’dixxerniment
Il-Fundatur jiltaqa' mal-Papa
No Man is an Island
Awguri !
Quddiesa għall-Għarajjes
Dan kollu għalfejn?
Biex Siġra titla’ Dritta
Jiena Nemmen ...
Love, sex and marriage in liberal societies
L-Ewwel Ħadd ta’ Frar - JUM L-ĦAJJA
L-Imħabba
Ġimgħa Żwieġ 2015
Feed the life, nourish life and sustain the family
Il-Konflitti fiż-Żwieġ : Hemm soluzzjoni?
Archive
Lill-Għarajjes f’Jum it-Tieġ
Fiż-Żwieġ Inqaddsu lil Xulxin
Amoris Laetitia - The Joy of Love
Obituary : Paul Attard
Il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Moviment ta' Kana
Servizz tal-Qrar
Quddiesa għall-Familji mill-Gruppi Familji Nsara 

  • Mal-Papa f'Jum San Valentinu

  • Mal-għaxart elef koppja għarajjes mid-dinja kollha inġabru fi Pjazza San Pietru, il-Vatikan, f'jum il-festa ta' San Valentinu. It-tema ta' din il-laqgħa speċjali tal-koppji mal-Papa kienet "Il-Ferħ tal-'Iva' għal Dejjem".

    Il-laqgħa, organizzata mill-Kunsill Pontifiċju għall-Familja, bdiet fil-11.00 am b'sensiela ta' testimonjanzi mill-koppji, flimkien ma' qari u kant dwar l-imħabba. Papa Franġisku daħal fil-pjazza fin-12.30 pm u fl-indirizz tiegħu ikkummenta dwar tliet mistoqsijiet li għamlulu l-koppji.

    Mistoqsija 1: Il-biża’ minn “għal dejjem”
     
    Santità, ħafna l-lum jaħsbu li l-wegħda ta’ fedeltà għal ħajjithom kollha hi ħaġa iebsa wisq; ħafna jħossu li l-isfida li jgħixu flimkien għal dejjem hi sabiħa, affaxxinanti, imma titlob minnhom wisq, hi kważi impossibbli.  Nixtiequ nisimgħu l-kelma tiegħek biex iddawwalna fuq dan.
     
    Grazzi tax-xhieda tagħkom u tal-mistoqsija.  Ħa nispjegalkom ħaġa: Huma bagħtuli l-mistoqsijiet minn qabel…  Tifhimha…  U hekk jien stajt nirrifletti u naħseb fi tweġiba ftit iktar solida.
     
    Importanti nistaqsu jekk hux possibbli ninħabbu “għal dejjem”.  Din hi mistoqsija li rridu nagħmluha: Possibbli nħobbu lil xulxin “għal dejjem”?  Il-lum il-ġurnata ħafna persuni jibżgħu jidħlu għal għażliet darba għal dejjem.  Kien hemm ġuvni li kien jgħid lill-Isqof tiegħu: “Jien irrid insir saċerdot, imma għal għaxar snin biss”.  Kien jibża’ minn għażla għal dejjem.  Imma dan hu ftit jew wisq il-biża’ ta’ kulħadd, li għandha l-kultura tagħna.  Donnu jidher impossibbli li nagħmlu għażla għat-tul kollu ta’ ħajjitna.  Il-lum kollox qed jinbidel malajr, u xejn ma jsaddad fit-tul…  U din il-mentalità twassal lil ħafna li qed jitħejjew għaż-żwieġ biex jgħidu: “Nibqgħu ma’ xulxin sakemm iddum l-imħabba”, u mbagħad?  Saħħiet, u niltaqgħu…  U hekk jispiċċa ż-żwieġ.  Imma x’nifhmu bi “mħabba”?  Sentiment biss, stat psikofiżiku?  Ċertament, jekk inhu hekk, ma nistgħux nibnuh fuq xi ħaġa soda.  Imma jekk l-imħabba hi relazzjoni, allura hi realtà li tikber, u nistgħu anki ngħidu, biex nagħtu eżempju, li jinbena bħalma tinbena dar.  U d-dar nibnuha flimkien, mhux waħidna!  Nibnu hawn tfisser li nagħmlu ħilitna u ngħinu biex ħaġa tikber.  Għeżież għarajjes, intom qed tħejju ruħkom biex tikbru flimkien, biex tibnu din id-dar, biex tgħixu flimkien għal dejjem.  Ma tixtiqux twaqqfuha fuq ir-ramel tas-sentimenti li jiġu u jmorru, imma fuq il-blata tal-imħabba vera, l-imħabba li tiġi minn għand Alla.  Il-familja titwieled minn dan il-pjan ta’ mħabba li jrid jikber l-istess kif tinbena dar li tkun post l-imħabba, l-għajnuna, it-tama, is-sostenn.  Kif l-imħabba ta’ Alla hi sħiħa u għal dejjem, hekk anki l-imħabba li tibni l-familja rriduha tkun sħiħa u għal dejjem.  Nitlobkom, ma nħallux tirbaħna l-“kultura tal-proviżorju”!  Din il-kultura li l-lum qed tindiehes fostna lkoll, din il-kultura tal-proviżorju.  Dan m’hux sew!
     
    Mela kif nieħdu ħsiebu dan il-biża’ minn “għal dejjem”?  Nieħdu ħsiebu jum wara jum billi nintelqu f’idejn il-Mulej Ġesù f’ħajja li tinbidel f’mixja spiritwali ta’ kuljum, magħmula minn passi – passi ċkejknin, passi li fihom nikbru t-tnejn li aħna – magħmula minn impenn biex insiru nisa u rġiel maturi fil-fidi.  Għax, għeżież għarajjes, l-“għal dejjem” m’hux biss kwistjoni ta’ tul ta’ żmien!  Żwieġ ma jirnexxix biss jekk idum, imma hi importanti l-kwalità tiegħu.  Li noqogħdu ma’ xulxin u nitgħallmu ninħabbu għal dejjem hi l-isfida li għandhom quddiemhom il-miżżewġin Insara.  Jiġini f’moħħi l-miraklu tat-tkattir tal-ħobż: anki lilkom, il-Mulej jista’ jkattar imħabbitkom u jagħtihielkom friska u tajba ta’ kuljum.  Għandu riserva li ma tispiċċa qatt!  Hu jagħtikom l-imħabba li qiegħda fil-pedament ta’ l-għaqda ta’ bejnietkom u ta’ kuljum iġeddidhielkom, isaħħaħhielkom.  U jerġa’ jkabbarha iktar meta l-familja tiżdied bl-ulied.  F’din il-mixja hu importanti u meħtieġ it-talb, dejjem.  Hu jitlob għaliha, hi titlob għalih, u t-tnejn li huma flimkien.  Itolbu lil Ġesù jkattar l-imħabba tagħkom.  Fit-talba tal-Missierna aħna ngħidu: “Ħobżna ta’ kuljum agħtina l-lum”.  Il-miżżewġin jistgħu jitgħallmu jitolbu anki hekk: “Mulej, agħtina l-lum l-imħabba tagħna ta’ kuljum”, għax l-imħabba ta’ kuljum ta’ bejn il-miżżewġin hi l-ħobż, il-ħobż veru tar-ruħ, dak li jweżinhom biex jibqgħu mexjin ’il quddiem.  U t-talba: nistgħu nagħmlu prova biex naraw nafux ngħiduha?  “Mulej, agħtina l-lum l-imħabba tagħna ta’ kuljum”.  Ilkoll flimkien!  [L-għarajjes: “Mulej, agħtina l-lum l-imħabba tagħna ta’ kuljum”].  Għab darb’oħra!  [Għarajjes: “Mulej, agħtina l-lum l-imħabba tagħna ta’ kuljum”].  Din hi t-talba ta’ l-għarajjes u tal-koppji miżżewġa.  Għallimna ninħabbu bejnietna, inħobbu lil xulxin!  Iktar ma tafdaw ruħkom f’idejH, iktar imħabbitkom tkun “għal dejjem”, kapaċi tiġġedded, u tirbaħ kull ostaklu.  Dan ħsibt li ngħidilkom, biex inwieġeb għall-mistoqsija tagħkom.  Grazzi!
     
    Mistoqsija 2: Ngħixu flimkien: l-“istil” tal-ħajja taż-żwieġ
     
    Santità, li ngħixu ta’ kuljum flimkien hi ħaġa sabiħa, iġġib il-ferħ, issaħħaħ.  Imma hi sfida li rridu naffrontaw.  Nemmnu li hu meħtieġ nitgħallmu nħobbu lil xulxin.  Hemm “stil” tal-ħajja ta’ koppja, spiritwalità tal-ħajja ta’ kuljum li nixtiequ nifhmu.  Tista’ tgħinna f’dan, Santità?
     
    Tgħix flimkien hi arti, mixja kollha sabar, sabiħa u affaxxinanti.  Ma tispiċċax meta tkunu rbaħtu qalb xulxin…  Anzi, propju hemm tkun għadha tibda!  Din il-mixja ta’ kuljum għandha xi regoli li nistgħu niġbruhom f’dawn it-tliet kelmiet li int għidt, kliem li jien tennejt tant drabi lill-familji: jekk jogħġbok – jew ‘nista’, int għidt – grazzi, u skużani.
     
    “Nista’? – Jekk jogħġbok”.  Hi t-talba ġentili biex tista’ tidħol fil-ħajja ta’ xi ħadd ieħor b’rispett u attenzjoni.  Irridu nitgħallmu nitolbu: Nista’ nagħmel hekk?  Jogħġbok jekk nagħmlu hekk?  Jekk nieħdu din l-inizjattiva, jekk nedukaw lil uliedna b’dan il-mod?  Trid li noħorġu l-lejla?…  Insomma, titlob permess ifisser tkun taf tidħol bil-ġentilezza kollha fil-ħajja ta’ l-oħrajn.  Isimgħu sewwa dan li qed ngħid: tkun taf tidħol bil-ġentilezza fil-ħajja ta’ l-oħrajn.  U m’hux faċli, m’hux faċli.  Kultant, minflok, nużaw manjieri xi ftit iebsin, bħal ċerti żraben tal-muntanja!  L-imħabba vera ma timponix ruħha b’id iebsa jew b’aggressività.  Fil-Fjuretti ta’ San Franġisk insibu din l-espressjoni: “Kun af li l-ġentilezza hi waħda mill-attributi ta’ Alla… u l-ġentilezza hi oħt il-karità, li xxejjen il-mibegħda u żżomm ħajja l-imħabba” (Kap. 37).  Iva, il-ġentilezza żżomm ħajja l-imħabba.  U l-lum fil-familji tagħna, fid-dinja tagħna, spiss vjolenti u arroganti, għandna bżonn ta’ ħafna iżjed ġentilezza.  U dan nistgħu nibdewh mid-dar.
     
    “Grazzi”.  Jidher ħafif illissnu din il-kelma, imma nafu li m’hux hekk…  Imma hi importanti!  Ngħallmuha lit-tfal, imma mbagħad ninsewha aħna!  Il-gratitudni hi sentiment importanti!  Waħda anzjana, darba, qaltli fi Buenos Aires: “Il-gratitudni hi warda li tikber f’art nobbli”.  Hi meħtieġa n-nobbiltà tar-ruħ biex tista’ tikber din il-warda.  Tiftakruh il-Vanġelu ta’ Luqa?  Ġesù fejjaq għaxar imġiddmin imma mbagħad wieħed biss idur lura biex jgħid grazzi lil Ġesù.  U l-Mulej jistaqsi: U d-disgħa l-oħra fejn huma?  Dan jgħodd għalina wkoll: Nafu ngħidu grazzi?  Fir-relazzjoni tagħkom, u għada pitgħada fil-ħajja taż-żwieġ, hu importanti li żżommu ħaj l-għarfien li l-persuna l-oħra hi don ta’ Alla, u għad-doni li jagħtina, lil Alla ngħidulu grazzi!  U f’dan l-atteġġjament ġewwieni ngħidu grazzi lil xulxin, għal kull ħaġa.  M’hix xi kelma pulita li nużawha biss mal-barranin, biex inkunu edukati.  Jeħtieġ inkunu nafu kif ngħidu grazzi, biex nimxu ’l quddiem ma’ xulxin fil-ħajja taż-żwieġ.
     
    It-tielet: “Skużani”.  Fil-ħajja nagħmlu tant żbalji, tant żbalji.  Kollha nagħmluhom.  Forsi hawn xi ħadd hawn li qatt ma żbalja?  Jgħolli idu jekk hawn xi ħadd, hemm: xi persuna li qatt ma żbaljat?  Kollha niżbaljaw!  Kollha kemm aħna!  Forsi m’hemmx ġurnata li fiha ma nagħmlux xi żball.  Il-Bibbja tgħid li l-iżjed bniedem ġust jidneb seba’ darbiet kuljum.  U hekk aħna niżbaljaw…  Hawn allura jidħol il-bżonn li nużaw din il-kelma sempliċi: “skużani”.  Normalment kull wieħed minna lest li jakkuża lill-ieħor u jiġġustifika lilu nnifsu.  Dan beda minn missierna Adam, meta Alla staqsieh: “Adam, jaqaw kilt minn dik is-siġra?”.  “Jien?  Le!  Dik tatni minnha!”.  Nakkużaw lill-oħrajn biex ma nitolbux “skuża”, “maħfra”.  Storja qadima din!  Hu stint li jinsab fl-għeruq ta’ tant diżastri.  Ejjew nitgħallmu nagħrfu l-iżbalji tagħna u nitolbu skuża.  “Skużani jekk il-lum għollejt leħni”, “skużani jekk ittardjajt”, “jekk din il-ġimgħa kont daqshekk sieket”, “jekk tkellimt iżżejjed bla ma kont lest li nisma’”; “skużani, insejt”; “skużani, kont irrabbjat u ħadtha miegħek…”.  Hemm ħafna “skużani” li nistgħu llissnu ta’ kuljum.  Hekk ukoll tikber familja Nisranija.  Nafu lkoll li ma teżistix il-familja perfetta, u lanqas ir-raġel pefett, jew il-mara perfetta.  Aħjar ma ngħidu xejn fuq il-kunjata perfetta…  Neżistu aħna, midinbin.  Ġesù, li jafna tajjeb, jgħallimna dan is-sigriet: m’għandna qatt inħallu ġurnata tgħaddi mingħajr ma nitolbu maħfra, mingħajr ma terġa’ lura l-paċi fid-dar tagħna, fil-familja tagħna.  Hu normali li l-għarajjes jillatikaw bejniethom, imma dejjem hemm xi ħaġa, illatikajna…  Forsi rrabbjajtu għal xulxin, forsi tar xi platt, imma nitlobkom, ftakru dan: qatt tispiċċaw il-ġurnata mingħajr ma tagħmlu paċi!  Qatt, qatt, qatt!  Dan hu sigriet, sigriet biex iżżommu ħajja l-imħabba u biex tagħmlu paċi.  M’hemmx bżonn tagħmlu diskorsi sbieħ…  Xi drabi biżżejjed ġest hekk u… il-paċi tkun saret.  Qatt tispiċċaw… għax jekk int tagħlaq il-ġurnata bla ma tagħmel paċi, dak li għandek ġo fik, l-għada jiksaħ u jibbies, u jsir iżjed diffiċli tagħmlu paċi.  Ftakru tajjeb: qatt tispiċċaw il-ġurnata bla ma tagħmlu paċi!  Jekk nitgħallmu nitolbu skuża u naħfru wieħed lill-ieħor, iż-żwieġ itul, jibqa’ għaddej.  Meta fl-udjenzi jew għall-Quddiesa hawn f’Santa Marta jiġu l-miżżewġin anzjani, li jkunu qed jiċċelebraw il-ħamsin anniversarju, nistaqsihom: “Min issaporta lil min?”.  Sabiħa din!  It-tnejn iħarsu lejn xulxin, iħarsu lejja, u jgħiduli: “It-tnejn li aħna!”.  U dan hu s-sabiħ!  Din hi xhieda sabiħa!
     
    Mistoqsija 3: L-istil taċ-ċelebrazzjoni taż-Żwieġ
     
    Santità, f’dawn ix-xhur aħna għaddejjin b’tant preparazzjonijiet għat-tieġ tagħna.  Tista’ tagħtina xi parir kif nistgħu niċċelebraw tajjeb iż-żwieġ tagħna?
     
    Agħmlu mod li tkun festa ta’ veru – għax iż-żwieġ hu festa – festa Nisranija, mhux waħda tad-dinja!  Ir-raġuni l-iżjed profonda tal-ferħ ta’ dik il-ġurnata jurihielna l-Vanġelu ta’ Ġwanni: tiftakruh il-miraklu tat-tieġ ta’ Kana?  F’ħin minnhom jonqoshom l-inbid u l-festa tkun ħa tisfratta.  Immaġinawkom tispiċċaw it-tieġ tixorbu t-te!  Le, ma jmurx!  Bla nbid m’hemmx tieġ!  Fuq suġġeriment ta’ Marija, f’dak il-ħin Ġesù juri min hu għall-ewwel darba u jagħti sinjal: jibdel l-ilma fi nbid u b’hekk isalva l-festa tat-tieġ.  Dak li seħħ f’Kana elfejn sena ilu, iseħħ fir-realtà ta’ kull festa ta’ tieġ: dak li jagħmel iż-żwieġ tagħkom sħiħ u profondament veru hu l-preżenza tal-Mulej li juri ruħu u jagħti l-grazzja tiegħu.  Hi l-preżenza tiegħu li toffri l-“inbid it-tajjeb”, Hu s-sigriet tal-ferħ sħiħ, dak li jħeġġeġ tassew lill-qalb.  Hi l-preżenza ta’ Ġesù f’dik il-festa.  Ħa tkun festa sabiħa, imma b’Ġesù fiha!  U mhux bl-ispirtu tad-dinja, le!  Dan jinħass meta l-Mulej ikun hemm.
     
    Fl-istess ħin, imma, tajjeb li ż-żwieġ tagħkom ikun sempliċi u fih jispikka dak li hu tabilħaqq importanti.  Xi wħud iktar moħħhom fis-sinjali ta’ barra, fl-ikla, fir-ritratti, fl-ilbies u fil-fjuri…  Huma ħwejjeġ importanti f’festa ta’ tieġ, imma biss jekk għandhom il-ħila jindikaw ir-raġuni vera tal-ferħ tagħkom: il-barka tal-Mulej fuq imħabbitkom.  Agħmlu mod li, bħall-inbid ta’ Kana, is-sinjali ta’ barra tal-festa tat-tieġ tagħkom juru l-preżenza tal-Mulej u jfakkru lilkom u lil kulħadd liema huma l-għerq u r-raġuni tal-ferħ tagħkom.
     
    Imma hemm xi ħaġa li int għidt u li rrid naħtaf l-okkażjoni tagħha, għax ma nixtieqx inħalliha għaddejja.  Iż-żwieġ hu anki biċċa xogħol ta’ kuljum, nista’ ngħid li biċċa xogħol tas-sengħa, biċċa xogħol ta’ arġenterija, għax ir-raġel xogħlu hu li lill-mara jagħmilha iżjed martu, u l-mara xogħolha li lir-raġel tagħmlu iżjed żewġha.  Jikbru anki fl-umanità, bħala raġel u bħala mara.  U dan tagħmluh bejnietkom.  Dan ifisser tikbru flimkien.  Dan ma jiġix mill-arja!  Il-Mulej ibierku, imma jiġi minn idejkom, mill-atteġġjamenti tagħkom, mill-mod kif tgħixu, mill-mod kif tinħabbu.  Tkunu tkabbru lil xulxin!  Tħabirku dejjem biex il-persuna l-oħra tikber.  Aħdmu għal dan.  U hekk, ma nafx, nistħajjel li xi darba għad tkun miexi fit-triq tar-raħal tiegħek u n-nies tgħid: “Imma araw ftit dik il-mara sabiħa, xi ġmiel!…”.  “U tifhimha, bir-raġel li għandha!”.  U anki lilek: “Ara dak, kif inhu!…”.  “Imma tifhimha, bil-mara li għandu!”.  Hu dan, għal dan tridu taslu: tgħinu lil xulxin tikbru flimkien, wieħed lill-ieħor.  U l-ulied ikollhom dan il-wirt, ta’ missier u omm li kibru flimkien, u saru – wieħed għall-ieħor – iktar raġel u iktar mara!
     
    miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard









comments powered byDisqus