• Tħejjija għaż-Żwieġ

  • It-tħejjija għaż-żwieġ fiha diversi aspetti, li nistgħu niġbruhom fi tliet kategorija prinċipali: it-tħejjija formattiva, it-tħejjija uffiċjali u t-tħejjija reliġjuża.

    Tħejjija Formattiva

    1. Kunu ċerti li bbukjajtu l-knisja fejn ser tiċċelebraw il-quddiesa taż-żwieġ. Ir-Rettur tal-Knisja ser jagħtikom formola biex tinfurmaw lill-kappillani tagħkom.
    2. Din il-formola iffirmata mill-Kappillani tagħkom ħuduha lura għand il-Kappillan/Rettur tal-knisja fejn ser tiżżewġu biex jikkonfermalkom il-booking tal-knisja.
    3. Ikun tajjeb li tagħżlu saċerdot li jassistikom fil-preparazzjoni taċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ u żżommu kuntatt miegħu biex tikbru fil-mixja tal-fidi tagħkom.
    4. Jgħinkom ukoll il-kors tal-Ippjanar Naturali tal-Familja
    5. Il-Moviment ta’ Kana u diversi parroċċi joffru laqgħa kull xahar għal dawk l-għarajjes li, wara l-kors ta’ tħejjija, jixtiequ jkomplu fil-formazzjoni tagħhom. Fost dawn insibu Jien Magħkom Dejjem (Għarajjes). Wara ż-żwieġ il-koppja tkun tista' tingħaqad mal-Gruppi Familji Nsara li huma preżenti fil-parroċċi maġġoranza tal-parroċċi.
    6. Xhur qabel iż-żwieġ, ikollkom l-aħħar tħejjija ta’qabel iż-żwieġ. Il-Kappillani jgħarrfukom b’dan.
     
    Tħejjija Uffiċjali

    1. Tliet xhur qabel iż-żwieġ, kull persuna tmur għand il-Kappillan fejn toqgħod biex isir l-istħarriġ ta’qabel iż-żwieġ. Araw li magħkom ikollkom iċ-ċertifikati tas-sagrament tal-Magħmudija u tal-Griżma flimkien maċ-ċertifika tal-Kors ta’ Kana.
    2. Tliet xhur qabel iż-żwieġ, tmorru flimkien l-Uffiċju tar-Reġistru Pubbliku, Evans Building, Valletta, biex isiru t-tnidijiet ċivili għaż-żwieġ tagħkom. Ħudu magħkom il-karta ta’ l-identità tagħkom u photocopy tal-karta tal-identità tax-xhieda. Agħmlu appuntament qabel billi ċċemplu fuq tel: 2209212/3/4/5/6.
    3. Xahrejn qabel iż-żwieġ morru għand l-Uffiċju Żwieġijiet tal-Kurja, Floriana, (quddiem il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija) bid-dokumenti li tawkom il-Kappillani biex toħorġu t-tnidijiet tal-knisja. Tistgħu tmorru mit-Tnejn sas-Sibt filgħodu, barra l-Ħamis. Għal iktar informazzjoni ċemplu fuq 25906211.

    Tħejjija Reliġjuża

    1.  Flimkien mas-saċerdot li ser jassistikom fil-quddiesa, agħżlu l-qari tal-quddiesa u t-talba tal-ġemgħa, araw ir-rit taż-żwieġ u l-barka fuq l-għarajjes. Żommu kopja tagħhom għal dawk li ser jaqraw biex ikunu ppreparati.
    2. Tajjeb li tfakkru lill-mistednin tagħkom biex jiġu  u jipparteċipaw fil-quddiesa. Kull min jattendi, speċjalment min jieħu sehem bħall-għarusa, ix-xhieda, il-qarrejja u bridesmaids għandhom ikollhom ilbies xieraq għad-dar ta’ Alla.
    3. Il-kant u l-mużika għandhom ikunu addattati għall-funzjoni liturġika. Mhux permess kant fuq CD player, u kanzunetti jew mużika minn films. L-aħjar hu li minn qabel taraw mal-Kappillan/Rettur tal-Knisja liema kant ser tinkludu fil-quddiesa tagħkom.
    4.  It-tiżjin tal-fjuri speċjalment madwar l-artal, m’għandux itellef l-attenzjoni minn fuq l-Ewkaristija. Fjuri friski joħolqu ambjent aktar dinjituż fil-knisja.
    5. Tajjeb li tfakkru lil tar-ritratti u tal-video biex taslu fil-knisja fil-ħin u ma jtellfux l-ispirtu ta’ ġabra u talb waqt iċ-ċelebrazzjoni.
    6. Waqt l-omelija ma jittieħdux ritratti u fil-każ tal-video dan għandu jibqa’ f’pożizzjoni stabbli fil-ġenb.
    7. Jekk ser tużaw wedding organisers, dawn għandhom jiddiskutu l-ideat dwar iċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa mal-Kappillan/Rettur tal-Knisja u jaraw li jieħdu d-direzzjoni tiegħu.
    8. Importanti tħejju ruħkom spiritwalment bit-talb kuljum flimkien u għal xulxin u li tagħmlu nofs ta’ nhar ta’ ġabra f’xi dar tat-talb. Esperjenza li żgur tgħin hija l-parteċipazzjoni fil-quddiesa tal-Ħadd.
    9. Ħudu ħsieb li qabel ma tiżżewġu, issibu ħin biex tersqu għas-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni u l-Maħfra.
    10. Tkun ħaġa sabiħa li taqsmu dan il-ferħ tagħkom ukoll ma’ dawk li għandhom bżonnijiet partikolari billi tiftakru fihom b’atti ta’ karita’.
    11. Wara ż-żwieġ, tajjeb li tkomplu tikbru fir-relazzjoni tagħkom. Il-Moviment ta’ Kana joffri diversi gruppi ta’ laqgħat kull xahar għall-miżżewġin ġodda, fosthom : Jien Magħkom Dejjem (Miżżewġin) u l-Gruppi Familji Nsara.

    Tul dan iż-żmien ta’ tħejjija, ser tiġu f’kuntatt ma’ diversi persuni li jħobbukom u jridulkom il-ġid. Tibżgħux tkellmuhom u tfittxuhom għall-għajnuna. Nawgurawlkom mill-ġdid tħejjija sabiħa u ċelebrazzjoni ferrieħa. Ibqgħu ibżgħu għal xulxin, uru rispett u għożża lil xulxin. Hekk tkunu tassew henjin u ferħanin flimkien.








comments powered byDisqus